Is- Sur Joseph Schembri, Diskors Tal- Inawgurazzjoni
Kull sena rajna żieda sabiħa fin-numru u fil-kwalità tal-applikazzjonijiet u l-proġetti ffinanzjati.
Grazzi Onor. Stefan Zrinzo Azzopardi talli ngħaqadt magħna llum u grazzi lilkom li ngħaqadtu magħna b’mod virtwali f’din iċ-ċelebrazzjoni tal-inizzjattivi u l-proġetti kollha li ħarġu mill-programm tal-Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Nemmen bi sħiħ li din il-laqgħa tal-lum se tkompli turi l-impatt pożittiv li dawn il-programmi qed iħallu fuq is-settur edukattiv u fil-politika taż-żgħażagħ.
Fl-2014, il-Kummissjoni Ewropea ħabbret il-bidu ta’ programm li għaqqad is-settur tal-edukazzjoni skolastika, tal-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ, tal-edukazzjoni ogħla, tal-edukazzjoni għall-adulti, u taż-żgħażagħ. Programm li għaqqad fi ħdanu l-programmi edukattivi kollha li kienu jeżistu qabel, b’borża ta’ €14,7 miljun.
Għaldaqstant, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Erasmus+, l-EUPA, kellha quddiemha l-isfida li toħroġ u tinforma dwar dawn l-opportunitajiet ġodda, biex tressaq aktar organizzazzjonijiet lejn dawn il-fondi u biex finalment, flimkien mal-benefiċjarji, tħalli impatt fuq is-settur edukattiv u fuq iż-żgħażagħ.
Sa mill-bidu nett, l-għan kien li nimmassimizzaw il-fondi allokati għal Malta u li nilħqu kemm jista’ jkun organizzazzjonijiet li kellhom il-potenzjal li japplikaw għall-fondi. Tkellimna u pparteċipajna f’diversi attivitajiet għaliex emminna fil-potenzjal ta’ dan il-programm li jgħaqqad u jsawwar relazzjonijiet u kollaborazzjonijiet dejjiema. Emmina bi sħiħ li l-Erasmus+ seta’ jkun għodda li biha nindirizzaw diversi sfidi u temi importanti bħall-inklużjoni soċjali, id-diġitalizzazzjoni, it-tluq bikri mill-iskola, il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fis-soċjetà u l-akkwist tal-ħiliet bażiċi minn kulħadd.
Nemmen li dan l-għan ilħaqnieh. Kull sena rajna żieda sabiħa fin-numru u fil-kwalità tal-applikazzjonijiet u l-proġetti ffinanzjati. Bi pjaċir ngħid ukoll li minkejja ċ-ċirkostanzi li ninsabu fihom, is-sena 2020 kienet l-aktar sena ta’ suċċess. Dis-sena biss, sa issa, ingħataw 120 proġett b’total ta’ aktar minn €9.5 miljun – u qed ngħid sa issa għaliex baqa’ aktar proġetti x’jingħataw wara li jiġu evalwati l-applikazzjonijiet li daħlu wara s-sejħa li kellna f’Ottubru fil-Programm Erasmus+ fis-settur taż-żgħażagħ u fil-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, u s-sejħiet straordinarji b’rispons għall-COVID-19.
Din is-sejħa straordinarja saret bil-għan li nindirizzaw l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija tal-Covid-19, b’ allokazzjoni ta’ iktar minn miljun Ewro fuq proġetti marbuta mad-diġilitizzazzjoni u l-kreattivita’. B’sodisfazzjon ngħid li din is-sejħa wkoll kienet ta’ suċċess b’numru sostanzjali ta’ applikazzjonijiet sottomessi fis-setturi kollha tal-programm.
Aktar kmieni semmejt il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Dan huwa programm ġdid li daħal fis-seħħ f’Ottubru tal-2018. Dan huwa programm speċifikament immirat għaż-żgħażagħ ta’ bejn it-18 u t-30 sena, u joffri opportunitajiet li bihom dawn iż-żgħażagħ ikomplu jiżviluppaw il-ħiliet trasversali u finalment jiżviluppaw f’ċittadini responsabbli u attivi. Dan il-programm ta’ Solidarjetà joffri opportunitajiet ta’ volontarjat kemm f’Malta, kif ukoll barra minn xtutna. Fuq kollox, huwa programm li jinvesti bis-sħiħ fiż-żgħażagħ tagħna. Ikolli nammetti li dan-il programm ħa ftit taż-żmien aktar milli stennejna biex qabad, mhux Malta biss imma wkoll f’ħafna mill- Istati membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea. Iżda, fil-każ ta’ Malta, bi pjaċir inħabbar li din is-sena, irċevejna numru ta’ applikazzjonijiet li t-talba totali bejniethom, tammonta għal aktar minn kemm għandna fondi allokati għal proġetti tal-volontarjat. B’hekk, fix-xhur li ġejjin se jkollna numru sabiħ ħafna ta’ għaqdiet volontarji li se jkunu qed jibbenifikaw minn fondi Ewropej taħt il-programm tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjeta’ mmexxi mill-Aġenzija tagħna.
Bħalma jaf kulħadd, is-suċċessi ma jiġux waħedhom. Fil-każ tagħna, kien hemm l-assistenza kontinwa tas-Segretarjat għall-Fondi Ewropej u tas-Segretarju Parlamentari fi ħdan l-istess Ministeru. Kien hemm ukoll l-involviment kontinwu tal-istakeholders; imma fuq kollox, fattur importanti ħafna kien il-kapaċita’ u d-dedikazzjoni li għandu t-tim kollu tal-Aġenzija, l-EUPA, li anke f’ċirkostanzi diffiċli ma qatgħax qalbu u kompla jippersisti biex il-miri stabbiliti minni jintlaħqu u anke saħansitra jinqabżu – u ta’ dan, ma niqafx nirringrazzjahom, u nwegħidhom pubblikament li dejjem se nkun ta’ spalla għalihom.
Matul is-snin li għaddew, flimkien qgħadna attenti li nġeddu, u anke saħansitra nibdlu l-operat tagħna skont il-ħtieġa. Għamilna l-almu kollu tagħna biex b’mod kontinwu, naħdmu mill-qrib u nismigħu x’għandhom xi jgħidu l-istakeholders, l-applikanti u l-benefiċjarji sabiex dejjem inwasslu l-programmi tagħna għand in-nies bl-aħjar mod possibbli, u għamilna dan b’diversi modi. Ewlenin fosthom insibu intervisti fuq ir-radju u t-televiżjoni, kif ukoll bl-użu tal-mezzi tal-midja soċjali. Ħadna ħsieb ukoll li nikkollaboraw mal-MEUSAC u mal-Aġenzija Żgħażagħ sabiex noffru aktar għajnuna lill-applikanti biex japplikaw għall-fondi.
Minnbarra numru sostanzjali ta’ laqgħat li kellna fuq bażi individwali, organizzajna worskhops, imsejħa ‘Project Labs’ fejn tajna l-aħħar aġġornamenti dwar is-setturi, inkluż dwar prijoritajiet u prattiċi tajbin.
Wara l-proċess tal-evalwazzjoni, offrejna wkoll sessjonijiet ta’ feed back fuq bażi individwali jew f’forma ta’ sessjonijiet imsejħa ‘Rethink, Revisit & Resubmit’, biex dak li jkun seta’ jkompli jtejjeb l-applikazzjoni b’ċans li jissottometti darb’ oħra f’każ l-applikazzjoni ma kinitx għaddiet jew ma ġabitx marki biżżejjed biex tirbaħ il-fondi.
L-EUPA dejjem kienet u tibqa’ meqjusa bħala punt ta’ referenza għall-benefiċjarji kollha fi kwalunkwe mument, anke waqt l-implimentazzjoni tal-proġetti. Biżżejjed insemmu l-mument ta’ sfida u nċertezza li ħabbat wiċċu magħhom kulħadd meta ġiet fuqna pandemija. L-EUPA rat kif għamlet u kienet ta’ spalla biex il-proġetti li kien hemm għaddejjin, ma jisfaxxawx fix-xejn minħabba r-restrizzjonijiet imposti u l-biża’ li ġabet magħha din il-pandemija. F’mument bħal dan, barra li kellha timmaniġġja sfida bħal din, l-EUPA kellha taħdem bi grinta ikbar biex tħeġġeġ lin-nies japplikaw għal proġetti ġodda.
Qabel nagħlaq l-introduzzjoni tiegħi, se nagħti ħarsa żgħira lejl il-perjodu kollu tal-programmi mmexxi minna bejn l-2014 u l-2020. Insibu li li mill-2014 sal-llum kellna 491 proġett ta’ mobilità b’investiment ta’ ’l fuq minn €30.2 miljun u b’parteċipazzjoni ta’ aktar minn 25,900 persuna. Kellna wkoll 214 proġett ta’ sħubijiet strateġiċi dwar temi varji, b’investiment ta’ ’l fuq minn €24.3 miljun u b’parteċipazzjoni ta’ aktar minn 7,800 parteċipant. B’kalkoli sempliċi wieħed jinduna li Malta, permezz ta’ dawn il-programmi investiet fit-33,700 persuna, fil-maġġoranza tagħhom żgħażagħ, u b’nefqa ta’ €54.5 miljun – u dan mhux kollox, għax kif semmejt aktar kmieni għad hemm numru kbir ta’ applikazzjonijiet li għadhom qed jiġu evalwati, u li ċertament se jkunu qed jgħollu kemm in-nefqa totali u kif ukoll ir-rata ta’ parteċipanti, u allura se jkunu qed isarrfu f’aktar ġid għaċ-cittadini Maltin u Għawdxin.
… Issa nistedinkom biex flimkien nagħtu ħarsa daqsxejn aktar fid-dettal ta’ x’ ġara f’kull settur matul dawn l-aħħar seba’ snin. Sabiex nagħmlu dan, bi pjaċir nilqa’ magħna lill–Programme Managers u Kapijiet ta’ kull settur li barra li se jagħtuna ħarsa ħafifa lejn l-opportunitajiet disponibbli għalikom, se jagħtuna wkoll ħarsa ħafifa lejn in-numru ta’ proġetti li kellna.
Diskors tal-Għeluq
Jien, flimkien mal-istaff kollu tal-EUPA (li nixtieq nirringrazzjahom uffiċjalment għax-xogħol kbir li jagħmlu) qed nittamaw li l-Vaċċin tal-COVID-19 fis-sena 2021 jerġa’ jġib f’pajjiżna n-normalità li nixtiequ, biex aktar żgħażagħ Maltin u Għawdxin ikunu jistgħu jerġgħu jibdew isiefru bis-saħħa tal-Programm Erasmus+ jew tal-Programm tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, biex ikomplu jsaħħu l-għarfien u l-ħiliet tagħhom mill-aspett soċjali u edukattiv, u li finalment isarraf f’impiegi tajbin u ħajja ta’ kwalità.
Kif qal tajjeb l-Onor. Stefan Zrinzo Azzoppardi fl-introduzzjoni tiegħu, f’Jannar tal-2021 qed nistennew it-tnedija tal-Programmi l-ġodda tal-Erasmus u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Dawn il-programmi huma mistennija li jkomplu jibnu fuq is-suċċessi li kellna billi joffru opportunitajiet akbar u aħjar lil eluf ta’ Għawdxin, Maltin u anke barranin.
Għalhekk, minn issa nixtieq nistedinkom biex tkunu magħna meta nniedu dawn il-programmi u nħeġġiġkom tikkuntattjawna sabiex tinfurmaw ruħkom aktar dwar l-opportunitajiet disponibbli għalikom.
Sakemm nerġgħu niltaqgħu, ejjew inkopmlu nsegwu flimkien l-istruzzjonijiet li kontinwament jagħtuna l-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika – “nilbsu l-maskri, naħslu jdejna spiss bl-ilma u bis-sapun jew alcohol meta l-ilma u s-sapun ma jkunux aċċessibli, u nżommu d-distanza soċjali… biex, meta tiġi l-opportunità li nsiefru bħala parti mill-programmi li diġa’ semmejt, inkunu f’saħħitna biex nagħmlu dan mingħajr xkiel u mingħajr biżà.
Tislijiet lil kulħadd!