Aktar minn €7M fi Proġetti tal-Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà

EN

Bejn l-2014 u l-2020, permezz tal-programmi tal-Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, l-Aġenzija Programmi tal-Unjoni Ewropea (EUPA), qassmet €11.6M f’fondi Ewropej li ssarrfu f’ numru ta’ proġetti f’oqsma varji, assoċjati direttament mal-edukazzjoni u t-taħriġ, u kif ukoll mal-qasam taż-żgħażagħ.

Din is-sena, rajna l-bidu ta’ programm ġdid tal-Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà għas-snin 2021-2027. Għall-ewwel sejħa għall-applikazzjonijiet, l-Aġenzija rċeviet numru kbir ta’ sottomissjonijiet u ġew magħżula 58 proġett, li bejniethom jammontaw għal aktar minn €7M f’fondi Ewropej. Għal din l-ewwel sejħa, se jkunu qed jibbenefikaw skejjel primarji, sekondarji u post-sekondarji, istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla, istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet li jaħdmu fil-qasam tal-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ, organizzazzjonijiet fil-qasam tal-edukazzjoni għall-adulti u għaqdiet taż-żgħażagħ u tal-volontarjat.

Wara t-tmiem tal-Programm Erasmus+ għas-snin 2014-2020, u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà għas-snin 2018-2020, il-Kummissjoni Ewropea nediet il-programmi l-ġodda għas-seba’ snin li ġejjin, 2021-2027.

Għas-seba’ snin li ġejjin, il-programmi Erasmus+ u l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà se jkunu qegħdin jagħtu prijorità lill-inklużjoni u d-diversità, lit-trasformazzjoni diġitali, l-ambjent u t-tibdil fil-klima, u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika, fost oħrajn. F’kumment dwar it-tħabbira ta’ dawn ir-riżultati, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, stqarr is-sodisfazzjoni tiegħu għall-għadd sostanzjali ta’ proġetti li ġew approvati f’din is-sejħa u feraħ lill-għaqdiet, organizzazzjonijiet u gruppi ta’ żgħażagħ li se jkunu qed jibbenefikaw flimkien minn dawn is-€7 miljuni f’Fondi Ewropej għall-proġetti tagħhom. Huwa qal li anke permezz tal-allokazzjoni rekord għal Malta għas-seba’ snin li ġejjin, u permezz tal-programm Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, se jkompli jingħata appoġġ sħiħ lil dawn l-oqsma biex permezz tal-fondi Ewropej ikomplu b’din il-ħidma importanti, partikolarment fil-qasam taż-żgħażagħ.

Minkejja l-isfidi li kellhom jiġu ffaċċjati minħabba l-pandemija, li ġabet magħha restrizzjonjiet fis-safar, l-Aġenzija hija sodisfatta bil-parteċipazzjoni ta’ ħafna Maltin u Għawdxin fil-programmi li tmexxi, speċjalment dak tal-Erasmus+, li huwa għodda importanti biex il-parteċipanti jkollhom opportunità ta’ studju u taħriġ mhux biss f’Malta, iżda wkoll barra minn xtutna.

Fis-snin li ġejjin, l-aġenzija nazzjonali (EUPA) twiegħed li se tkompli tagħti appoġġ sħiħ lill-applikanti u lill-benefiċjarji biex jiġu żgurati proġetti ta’ kwalità. L-Aġenzija temmen li b’dawn il-fondi, l-organizzazzjonijiet ikunu jistgħu jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom, kif ukoll jesperjenzaw affarijiet ġodda fi ħdan l-organizzazzjoni tagħhom filwaqt li jissudaw il-konessjonijiet fuq livell ewropew u internazzjonali.

Iktar tard din is-sena, l-Aġenzija se tkun qed toħroġ sejħa oħra b’allokazzjoni ta’ madwar €5M. Għalhekk, dawk kollha interessati li japplikaw, huma mħeġġa biex jattendu għal-laqgħat u s-sessjonijiet ta’ informazzjoni li l-Aġenzija torganizza minn żmien għall-ieħor.

Tista’ wkoll tikkuntattja l-Aġenzija fuq [email protected] jew fuq in-numri:

99019457 – Linja ġenerali

99307609 – Edukazzjoni Skolastika u Edukazzjoni Ogħla

99307496 – Edukazzjoni Vokazzjonali u t-Taħriġ u Edukazzjoni għall-Adulti

99307403 – Żgħażagħ u Korp Ewropew ta’ Solidarjetà