Aktar minn 30,000 Parteċipant fil-Proġetti tal-Erasmus+ 2014-2020

EN 

“Mill-2014 ’l hawn, investiment ta’ 55 miljun f’714 -il proġett, sarraf f’aktar opportunitajiet fis- settur edukattiv u fil-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ.”

 

Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, l-Onor Dr Stefan Zrinzo Azzopardi, fl-okkażjoni tal-ftuħ tal-konferenza dwar l-għeluq tal-programm ta’ fondi tal-Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. L-Onor Zrinzo Azzoppardi, flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-EUPA u Koordinatur Nazzjonali tal-Programm Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, is-Sur Joseph Schembri, faħħru s-suċċess tal-allokazzjonijiet ta’ fondi fil-programm tal-Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.

L-Onor Zrinzo Azzopardi enfasizza l-benefiċċji li proġetti bħal dawn iħallu fuq l-iżvilupp personali u professjonali taż-żgħażagħ. Għaldaqstant, enfasizza li dawn il-proġetti jservu ta’ investiment għall-futur tal-pajjiż. Enfasizza għall-bżonn ta’ aktar investiment fil-Programm tal-Erasmus+ 2021-2027, sabiex inkomplu nibnu fuq il-programm kurrenti, inżidu l-parteċipazzjoni ta’ aktar individwi u nżidu l-proġetti inklussivi għal soċjetà aħjar.

Huwa għalhekk li l-Kap Eżekuttiv tal-EUPA u Koordinatur Nazzjonali tal-Programm Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, is-Sur Joseph Schembri, saħaq li wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Aġenzija Nazzjonali hu li jkompli jilħaq aktar benefiċjarji u jżid fin-numru ta’ applikazzjonijiet u proġetti magħżula. Saħaq li dan l-għan qed jintlaħaq bin-numru ta’ applikazzjonijiet sottomessi u proġetti magħżula matul is-snin.

 

 

L-Onor Zrinzo Azzopardi u s-Sur Schembri jemmnu li l-programm tal-Erasmus+ huwa għodda ewlenija sabiex jiġu indirizzati diversi kwistjonijiet urġenti fis-soċjetà, bħalma huma l-inklużjoni soċjali, id-diġitalizzazzjoni, it-tnaqqis tad-distakk bejn is-settur edukattiv u d-dinja tax-xogħol, il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fis-soċjetà u l-akkwist ta’ ħiliet informali.

Xhieda ta’ dan kienu l-esperjenzi li qasmu diversi benefiċjarji tal-programm Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Matul il-konferenza saru interventi mill-Education Hub, Msida, l-Università ta’ Malta, Caritas Malta Epilepsy Association, MCAST, Prisms u Karl Vella Foundation.

L-Uffiċju tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta ta ħarsa lejn il-politika fis-settur tal-Edukazzjoni li qed tiġi ppreżentata mill-Kummissjoni Ewropea għall-perjodu li jmiss.

Is-Sur Schembri kkonkluda billi stieden applikanti prospettivi jingħaqdu mal-Aġenzija fit-tnedija tal-Programm il-ġdid, mistennija għal Jannar 2021.

Applikanti prospettivi huma mħeġġa jikkuntattjaw lill-European Union Programmes Agency għal aktar assistenza fuq [email protected] jew 25586132.