Ħarsa ġenerali tal-avveniment

EN

Fil-ftuħ tal-konferenza fl-okkażjoni tal-għeluq tal-Programm ta’ Fondi tal-Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, li saret il-Ħamis 10 ta’ Diċembru 2020, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, l-Onor Stefan Zrinzo Azzopardi saħaq fuq is-suċċessi li dawn il-programmi kellhom bejn l-2014-2020.

L-Onor Zrinzo Azzopardi spjega kif dan il-programm tnieda mill-Kummissjoni Ewropea sabiex tgħaqqad is-setturi tal-edukazzjoni skolastika, tal-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ, tal-edukazzjoni ogħla, tal-edukazzjoni għall-adulti u taż-żgħażagħ taħt kappa waħda. Qal li matul dawn is-seba’ snin, il-Programm ta lok għall-kreazzjoni ta’ proġetti innovattivi – proġetti li influwenzaw b’mod pożittiv u revoluzzjonarju lis-settur edukattiv. Dan kien grazzi għall-€14,7 miljun allokati għal dan il-perjodu 2014-2020.

L-Onor Zrinzo Azzopardi saħaq ukoll fuq l-impatt pożittiv li dawn il-proġetti jħallu fuq l-iżvilupp personali u professjonali taż-żgħażagħ. Għaldaqstant, qies dawn il-proġetti bħala investiment fil-futur ta’ pajjiżna. Fid-dawl ta’ dan, l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv, u Koordinatur Nazzjonali tal-Programm tal-Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, is-Sur Joseph Schembri qal li wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Aġenzija Nazzjonali hu li jintlaħqu kemm jista’ jkun benefiċjarji u jiżdied in-numru ta’ proġetti magħżulin. Qal ukoll li dan l-għan qed jintlaħaq kif jixhed in-numru ta’ applikazzjonijiet sottomessi u proġetti magħżulin. Sa mill-2014, ġew allokati 714 -il proġett, b’investiment ta’ aktar minn €55 miljun.

Is-Sur Joseph Schembri kompla billi ta ħarsa lejn il-kisbiet tal-Aġenzija u l-għanijiet futuri. Qal li l-isfida tibqa’ tkun li tinforma lill-pubbliku dwar l-opportunitajiet li joffru l-programmi tal-Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. “Ħdimna u ħa nkomplu naħdmu sabiex nassiguraw li kull proġett iħalli impatt pożittiv dejjiemi fuq is-settur edukattiv u ż-żgħażagħ.”

Is-Sur Schembri kompla jgħid kif l-Aġenzija ta’ spiss tkun l-inizzjatur ta’ dawn il-proġetti billi tintroduċi diversi organizzazzjonijiet għall-opportunitajiet ta’ fondi Ewropej.

Kemm l-Onor Zrinzo Azzopardi, kif ukoll is-Sur Schembri jemmnu bis-sħiħ li l-Erasmus+ huwa għodda ewlenija fl-indirizzar ta’ diversi kwistjonijiet soċjali, bħalma huma l-inklużjoni soċjali, id-diġitalizzazzjoni, it-tnaqqis fid-distakk bejn is-settur edukattiv u d-dinja tax-xogħol, il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fis-soċjetà u l-akkwist ta’ ħiliet trasversali.

Minkejja ċ-ċirkostanzi li ninsabu fihom, is-sena 2020 kienet l-aktar sena ta’ suċċess. Dis-sena biss, ingħataw 106 proġetti b’total ta’ €9.5 miljun. Is-Sur Schembri jemmen li dawn il-proġetti jħallu impatt pożittiv fuq il-parteċipanti – impatt li huwa viżibbli fis-setturi tal-Erasmus+.”

Saret ukoll referenza għall-pandemija tal-Covid-19 u l-effetti bla preċedent tagħha. Is-Sur Schembri qal li l-EUPA kienet flessibbli biżżejjed biex tkompli tassisti lill-benefiċjarji tagħha.

Fl-2018, l-EUPA fetħet l-orizzonti tagħha għall-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, inizjattiva li tindirizza direttament l-iżvilupp taż-żgħażagħ taħt it-30 sena f’ċittadini attivi u responsabbli permezz ta’ opportunitajiet ta’ volontarjat u apprendistati.

F’Jannar 2021, il-Kummissjoni Ewropea mistennija tniedi sett ta’ regolamenti ġodda li jfasslu l-qafas tal-programm tal-Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà għas-seba’ snin li ġejjin. Il-programm il-ġdid se jkompli jibni fuq il-programm attwali, bl-għan li jżid il-parteċipazzjoni ta’ aktar nies u jkun aktar inklussiv.

Wara l-indirizz tas-Segretarju Parlamentari u tal-Uffiċjal Kap Eżekuttiv, il-maniġers ta’ kull settur ippreżentaw xi statistiċi miksuba matul dawn l-aħħar seba’ snin (irreferi għax-xogħlijiet mehmuża). Sitt proġetti tal-aqwa prattika ġew ukoll ippreżentati mill-benefiċjarji rispettivi tagħhom:

  • Mario Borg & Karl Mifsud – Education Hub, Msida – Breaking the Vicious Cycle
  • Prof Vasilis Valdramidis – Università ta’ Malta – Q-Safe
  • Ing Louis Aquilina, Malta College of Arts, Science and Technology (MCAST)
  • Janet Mifsud – Caritas Malta Epilepsy Association – Facilitating Inclusion in Epilepsy: a pictorial guide
  • Abraham Azzopardi – Prisms –E.E.L. Fearless, Emotional and Engaged Leaders;
  • Mark Calleja – Karl Vella Foundation – Volunteering with KVF.

 

Kull benefiċjarju qasam l-esperjenzi tiegħu/tagħha u spjega/spjegat l-impatt pożittiv li ħalla l-proġett fuq il-parteċipanti u s-soċjetà.

Wara dawn il-preżentazzjonijiet, is-Sur Mark Vella, Uffiċjal tal-Lingwa mir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, ingħaqad b’mod virtwali u qasam informazzjoni dwar il-perjodu ta’ programmar il-ġdid. Spjega wkoll kif il-Kummissjoni Ewropea se tkun qed taħdem biex tegħleb l-ostakli ppreżentati f’dan il-perjodu diffiċli. Spjega wkoll li ż-żieda sostanzjali fil-finanzjament se tkun waħda mit-titjib ewlieni tal-programm li jmiss.

Is-Sinjorina Janelle Camilleri, Aġent Maniġer tal-Koordinazzjoni u l-Komunikazzjoni tal-Programm, kompliet billi tat aktar informazzjoni dwar x’wieħed għandu jistenna mill-Programm il-ġdid tal-Erasmus+ li se jitnieda f’Jannar 2021. Il-Programm il-ġdid se jkompli jibni fuq il-kisbiet tal-programm 2014-2020 filwaqt li se jintroduċi diversi opportunitajiet ġodda għal kulhadd b’investiment akbar milli rajna f’dawn l-aħħar seba’ snin.

Is-Sur Schembri kkonkluda l-konferenza billi rringrazzja lill-applikanti u lill-benefiċjarji kollha. Huwa ħeġġeġ ukoll lil dawk kollha li jixtiequ jibbenefikaw minn dawn l-opportunitajiet sabiex ikomplu jaħdmu fuq l-ideat taghhom u jagħmlu użu tajjeb mill-fondi disponibbli.

Għandek idea għal xi proġett? Ikkuntattja lill-EUPA għal aktar assistenza fuq eupa@gov.mt jew 25586132.